Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni

Il-Ministri tal-Kunsill Affarijiet Barranin jadottaw l-istrumenti meħtieġa għat-twettiq tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK):

  • deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-approċċ tal-Unjoni għal kwistjoni partikolari
  • miżuri meħtieġa biex tiġi implimentata l-PESK, inklużi il-possibbli sanzjonijiet.

 

Il-pożizzjonijiet formali tal-Kunsill huma ppubblikati wara l-laqgħat f'communiqués magħrufin bħala "konklużjonijiet".

Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (COREPER) u l-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) iħejju x-xogħol tal-Kunsill b'mod ġenerali. Il-KPS jittratta l-kwistjonijiet politiċi u ta' sigurtà tal-PESK.

Il-KPS jeżerċita wkoll, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, kontroll politiku u direzzjoni strateġika tal-operazzjonijiet ta' ġestjoni ta' kriżijiet.

Barra minn hekk, hemm 38 grupp ta' ħidma (l-hekk imsejħa korpi preparatorji tal-Kunsill) li fihom l-esperti mill-Istati Membri jittrattaw kwistjonijiet relatati mal-PESK u li jiltaqgħu f'konformità ma' kunsiderazzjonijiet ġeografiċi u tematiċi (li jkopru, pereżempju, il-Balkani, il-Lvant Nofsani, id-drittijiet tal-bniedem u t-terroriżmu).

Il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni hija implimentata mir-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri, bl-użu ta' riżorsi nazzjonali u tal-UE.