Kooperazzjoni għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja

Il-politika tal-UE dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tikkumplementa l-politiki għall-iżvilupp segwiti mill-Istati Membri. L-għanijiet prinċipali tagħha huma l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, bl-objettiv primarju tat-tnaqqis u, fit-tul, l-eradikazzjoni tal-faqar.

Fl-istess waqt, il-politika tal-UE dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha l-għan li tirrinforza d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u l-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

Ir-relazzjonijiet mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku għandhom post speċjali fil-kooperazzjoni tal-UE għall-Iżvilupp.

Il-Kunsill jadotta l-miżuri relatati mal-politika għall-iżvilupp, flimkien mal-Parlament Ewropew, fil-proċedura leġislattiva ordinarja. Il-Kunsill hu involut fi pjanar fuq livell għoli għal programmi ta' kooperazzjoni pluriennali mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jew fi programmi tematiċi, filwaqt li l-istrateġiji annwali huma mfasslin mill-Kummissjoni.

Ara wkoll:

 

It-Trattat ta' Lisbona introduċa bażi legali speċifika għall-għajnuna umanitarja. Din id-dispożizzjoni tagħmel enfasi fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji tad-Dritt Internazzjonali u fuq l-imparzjalità, in-newtralità u n-nondiskriminazzjoni. Hija tipprevedi wkoll il-ħolqien ta' Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja.

L-għan tal-operazzjonijiet tal-UE ta' għajnuna umanitarja huwa li jipprovdu assistenza u għajnuna u protezzjoni ad hoc għal persuni f'pajjiżi terzi li jkunu vittmi ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem, sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet umanitarji li jirriżultaw minn dawn is-sitwazzjonijiet.

Ara wkoll: