Introduzzjoni

Lejn Ewropa taċ-ċittadini fl-ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja

Abbażi tar-riżultati miksuba fil-qafas tal- Programmi ta' Tampere u tal- Aja, sar progress sinifikanti f'dan il-qasam. Madankollu l-Ewropa tibqa' tiffaċċja ċerti sfidi li jeħtieġ jiġu ttrattati permezz ta' approċċ komprensiv. Għal dan il-għan, il-Kunsill Ewropew adotta programm pluriennali ġdid imsejjaħ " Programm ta' Stokkolma ", għall-perijodu 2010-2014.

B'segwitu għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol akbar. Iċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi ser ikollhom opportunità akbar li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament il-fehmiet tagħhom fl-oqsma kollha ta' azzjoni tal-Unjoni, f'konformità mal-Artikolu 11 tat-TUE, li jsaħħaħ in-natura miftuħa u demokratika tal-Unjoni fl-interess tal-popli tagħha.

Grupp ta' mill-anqas kwart tal-Istati Membri jista' jippreżenta inizjattiva fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija kriminali
Il-parlamenti nazzjonali għandhom rwol akbar fil-proċess leġislattiv
Il-prijorità għas-snin li ġejjin hija li jittieħed kont tal-interessi u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini


■ Il-perkors leġislattiv

It-Trattat jiffaċilita t-twettiq tal-objettivi deskritti fil-Programm ta' Stokkolma, kemm għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri. Ir-rwol tal-Kummissjoni fl-iżvilupp tal-proposti leġislattivi ġie estiż. Madankollu, grupp ta' mill-anqas kwart tal-Istati Membri jista' jippreżenta inizjattiva fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija kriminali. Il-proċess leġislattiv huwa mtejjeb permezz tal-użu, fil-maġġoranza tas-setturi, tal-proċedura ordinarja, li tippermetti l-involviment sħiħ lill-Parlament Ewropew.

Il-parlamenti nazzjonali għandhom rwol akbar fil-proċess leġislattiv. Billi jissaħħaħ ukoll ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-Trattat jippermetti titjib fil-kapaċità tal-Ewropa biex timplimenta bis-sħiħ il-politika adottata f'dan il-qasam u li tiżgura l-koerenza fl-interpretazzjoni tal-istrumenti adottati.


■ Il-prioritajiet tal-Programm ta' Stokkolma

Il-prijorità għas-snin li ġejjin hija li jittieħed kont tal-interessi u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini. L-isfida hija li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u l-integrità tal-persuna, filwaqt li tiġi garantita s-sigurtà fl-Ewropa.

Għas-snin li ġejjin, il-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni huma dawn li ġejjin:

1. Iċ-ċittadinanza u d-drittijiet fundamentali
2. Ewropa ta' liġi u ġustizzja
3. Ewropa li tipproteġi
4. Aċċess għall-Ewropa f'dinja globalizzata
5. Ewropa ta' responsabbiltà, solidarjetà u sħubija f'materji ta' migrazzjoni u asil
6. Ir-rwol tal-Ewropa f'dinja globalizzata – id-dimensjoni esterna

L-acquis fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.