INTRODUZZJONI

COST - Kooperazzjoni Ewropea fix-Xjenza u t-Teknoloġija - hija qafas Ewropew intergovernattiv għall-kooperazzjoni internazzjonali fost attivitajiet ta' riċerka finanzjati f'livell nazzjonali. Hija l-eqdem sistema ta' netwerking Ewropew fir-riċerka, imwaqqfa fl-1971.  Bħalissa, tikkonsisti f'35 Pajjiż Membru u stat wieħed li jikkopera:

l-Awstrija, il-Bejġju, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Islanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Serbja, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, it-Turkija u r-Renju Unit.   L-Iżrael (stat li jikkopera).

Aktar milli tiffinanzja r-riċerka hija stess, COST tgħaqqad flimkien f'pajjiżi differenti timijiet ta' riċerka li jaħdmu fuq suġġetti speċifiċi, japoġġaw in-netwerking, konferenzi, skambji xjentifiċi fuq perijodu qasir u pubblikazzjonijiet. L-attivitajiet ta' koordinazzjoni huma appoġġati mill-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (RŻT) tal-UE.

Waħda mill-karatteristiċi ewlenin tal-COST hija l-flessibbiltà tagħha:  m'hemmx oqsma stabbiliti għall-kooperazzjoni, iżda l-istess xjentisti jressqu 'l quddiem proposti għal Azzjonijiet tal-COST (il-prinċipju minn isfel 'il fuq).  Ħames pajjiżi membri biss jeħtieġ jipparteċipaw, għalkemm f'xi Azzjonijiet huma involuti timijiet tar-riċerka minn tlieta sa ħames darbiet dak in-numru (il-prinċipju "à la carte").

Il-COST għad għandha rwol sostanzjali fl-iżvilupp tal-kooperazzjoni xjentifika u teknika fl-Ewropa bħala pilastru importanti fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka.