Politika Kummerċjali Komuni

L-Unjoni Ewropea tamministra r-relazzjonijiet ta' kummerċ u investiment ma' pajjiżi oħra permezz tal-Politika Kummerċjali Komuni, li hija kompetenza esklussiva tal-UE - għalhekk l-UE biss tista' tilleġisla fuq kwistjonijiet kummerċjali u tikkonkludi ftehimiet kummerċjali internazzjonali. It-Trattat ta' Lisbona estenda l-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni biex tinkludi s-servizzi, id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-investiment barrani dirett.

Fil-politika kummerċjali, il-Kummissjoni hija responsabbli min-negozjati u l-ġestjoni tal-ftehimiet kummerċjali li jinvolvu l-amendamenti ta' tariffi, id-dispożizzjonijiet doganali u kummerċjali u l-miżuri protettivi. Il-Kunsill għandu rwol ċentrali peress li jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tibda n-negozjati u jagħti direttiva ta' negozjati lill-Kummissjoni permezz tal-"Kumitat Kummerċjali'' tal-Kunsill.

Il-Kunsill jadotta wkoll il-miżuri għall-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni flimkien mal-Parlament Ewropew (proċedura leġislattiva ordinarja).

Normalment il-Ministri tal-Kummerċ jiltaqgħu darbtejn f'sena fil-Kunsill, ippresedut mill-Presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill.

 

Ara wkoll: