Ħalib fl-iskola: Nippromwovu s-saħħa tat-tfal


© Fotolia

Drawwiet tal-ikel għal saħħa aħjar jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-flaġell dejjem jikber tal-piż żejjed u l-obesità fost it-tfal u ż-żgħażagħ. Din hi r-raġuni għaliex, taħt l-Iskema tal-Ħalib fl-Iskejjel Ewropej, il-Ministeri tal-Agrikoltura fl-Ewropa jagħtu s-sussidji għat-tqassim tal-prodotti tal-ħalib f'istituzzjonijiet tat-tagħlim.

L-għan tal-programm huwa kemm nutrizzjonali kif ukoll edukattiv.Huwa jipprovdi prodotti tal-ħalib li fihom proteini, vitamini u minerali importanti lit-tfal fl-iskejjel taż-żgħar nett, primarji u sekondarji, u f'ċerti Stati Membri fl-universitajiet, u jappoġġa wkoll l-iżvilupp ta' drawwiet tal-ikel għal saħħa aħjar bħala alternattiva għall-ikel u x-xorb raċanċ ('junk food'), b'kont meħud tad-drawwiet tradizzjonali jew kulturali ta' kull pajjiż individwali.Għalhekk, li jkun servut il-ħalib fl-iskola huwa investiment fil-ġenerazzjonijiet futuri.

Permezz tal-iskema - li issa ilha għaddejja aktar minn 30 sena - l-UE tipprovdi sussidji għall-provvista ta' 0,25 l ħalib għal kull student għal kull ġurnata tal-iskola.Bl-aħħar reviżjoni tal-programm, il-varjetà ta' prodotti koperti mis-sussidju kibret biż-żieda ta' varjanti biex jagħmluha aktar attraenti.

Il-promozzjoni tal-konsum ta' prodotti tal-ħalib miż-żgħażagħ għandha tinkoraġġihom biex iżommu dieta bilanċjata u jkomplu jikkonsmaw il-ħalib meta jikbru.Dan għandu jżid it-talba għall-prodotti tal-ħalib u jappoġġa l-bdiewa Ewropej li jipproduċu prodotti tal-ħalib, li jbatu mit-tnaqqis fit-talba u l-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib fl-UE.

L-Iskema tal-Ħalib fl-Iskejjel hija parti minn kampanja tal-UE akbar favur ikel tajjeb għas-saħħa li tinkludi l-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel u "The Tasty Bunch", inizjattiva li tippromwovi stil ta' ħajja b'saħħitha u dieta bilanċjata fost it-tfal.

Aktar informazzjoni:

The School Milk Scheme(en/fr/de)

Il-Programm Ewropew tal-Ħalib għall-Iskejjel

The School Fruit Scheme(en/fr/de)

The Tasty Bunch

30/10/2009