15/05/2012
Fl-14 ta' Mejju il-Ministri tal-Agrikilotura u s-Sajd tal-UE komplew id-dibattitu dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), din id-darba billi ffokaw dwar kif għandu jintlaħaq ir-"rendiment massimu sostenibbli" (MSY) - l-akbar qabda medja li tista' tittieħed kontinwament minn stokk ta' ħut mingħajr ma tiġi ipperikolata r-riproduzzjoni ta' dak l-istokk. L-UE għandha obbligu internazzjonali biex tissodisfa dan ir-rekwiżit sal-2015.
Il-ġestjoni tas-sajd f'konformità mal-MSY għandha tiżgura li l-istokkijiet tal-ħut tal-UE jirkupraw (madwar 82 % tal-istokkijiet tal-Mediterran u 36 % tal-istokkijiet tal-Atlantiku huma attwalment sfruttati żżejjed) u tikkontribbwixxi biex l-ekosistemi jsiru aktar sani. Fit-tul, għandha ttejjeb ukoll il-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi tas-sajjieda fuq perijodu tipprovdi qabdiet akbar, marġini ta' profitti u dħul mill-investiment ogħla.
"Qed inġorru responsabbiltà tassew sinifikanti - mhuwiex biss sempliċiment każ ta' ħut u sajjieda, illum u għada. Qegħdin verament nitkellmu dwar is-sostenibbiltà għall-ġejjieni u għall-ġenerazzjonijiet futuri," qalet Mette Gjerskov, Ministru tal-Ikel, l-Agrikoltura u s-Sajd tad-Danimarka, li ppresediet il-laqgħa.
L-Istati Membri kollha jaqblu dwar l-użu tal-MSY biex tiġi żgurata s-sostennibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut. Id-diffikultajiet ewlenin, fl-opinjoni tagħhom, jinsabu fl-implimentazzjoni prattika ta' dan l-għan.
Il-Ministri jaqblu li sabiex jiġu stabbiliti miri realistiċi tal-MSY, il-kompitu l-aktar immedjat huwa li tinkiseb data xjentifika affidabbli suffiċjenti, li attwalment sikwit hi insuffiċjenti, u speċjalment dwar is-sajd imħallat fejn jinqabdu diversi speċi.
Xi Stati Membri jemmnu li l-iskadenza – 2015 – hija qasira wisq biex jiġu implimentati l-miri tal-MSY għal stokkijiet li hemm nuqqas ta' informazzjoni xjentifika dwarhom. Huma jippreferu pass aktar gradwali, anke biex jiġu evitati aġġustamenti eċċessivament f'daqqa fl-industrija tas-sajd. Il-Kunsill jaqbel b'mod ġenerali mal-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd Maria Damanaki li għandu jkun hemm skadenza ċara, u diversi delegati pproponew is-sena 2020 biex tintemm l-implimentazzjoni.
"Aħna, bħala l-Ewropa, bħala l-UE, għandna obbligu. ... Aħna rridu nkunu kapaċi nwiegħdu lid-dinja li ser ikun hemm limitu. U li dan inwiegħduh lilna nfusna. Huwa diffiċli, iżda dan irid isir," qalet il-Ministru Gjerskov.
Kwistjoni prinċipali oħra hija l-mod kif l-MSY jiġi implimentat b'mod siewi fis-sajd imħallat u għal aktar minn speċi waħda, jiġifieri kif ikunu permessi qabdiet ta' stokkijiet sani u fl-istess waqt ma jitpoġġewx fil-periklu dawk l-aktar vulnerabbli li jinsabu fl-istess riżorsa ta' sajd.
Bosta Stati Membri jemmnu li t-teħid tal-ispeċi l-aktar vulnerabbli bħala punt ta' referenza għal sajd imħallat jista' ma jkunx l-aħjar mod biex jinkiseb l-eżitu mixtieq, u jipproponu li l-miri tal-MSY għandhom ikunu bbażati fuq data u pariri xjentifitiċi robusti. Delegati oħrajn pproponew li, barra minn hekk, l-użu ta' rkaptu selettiv jew li ċerti żoni jinżammu magħluqa jista' jgħin ukoll biex jintlaħqau l-miri tal-MSY għal diversi stokkijiet fl-istess waqt.
Sa issa l-UE rnexxielha twassal 20 mill-istokkijiet tagħha sal-livell tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY), li rriżulta, skont il-Kummissarju Damanaki, fi dħul addizzjonali – total ta' EUR 135 miljun f'sena waħda – għas-sajjieda fil-Baħar tat-Tramuntana u f'dak Baltiku.
B'kont meħud tal-preokkupazzjonijiet, l-opinjonijiet u l-proposti tal-Istati Membri, il-Presidenza issa ser tfassal test ta' kompromess. Il-Kunsill qed jippjana li jintlaħaq qbil globali (l-hekk imsejjaħ "approċċ ġenerali") biex ikunu jistgħu jinbdew in-negozjati mal-Parlament Ewropew f'Ġunju ta' din is-sena.
Aktar informazzjoni:
Konferenza stampa (filmat)
Dibattitu tal-Ministri (filmat)
Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd
Stqarrija għall-istampa (pdf) (en)