Tnediet il-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE f'Mali
Grupp bikri ta' EUTM Mali wasal f'Bamako
fit-8.2.2013
© Sébastien Rieussec, Unjoni Ewropea 2013
18/02/2013
Il-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE f'Mali (EUTM Mali) tnediet mill-Kunsill Affarijiet Barranin fit-18 ta' Frar 2013. L-objettiv tal-missjoni huwa li tappoġġa t-taħriġ u r-riorganizzazzjoni tal-Forzi Armati ta' Mali.
EUTM Mali ser tipprovdi pariri u taħriġ militari lill-Forzi Armati ta' Mali, li jkopru aspetti bħall-kmand u l-kontroll, il-loġistika u r-riżorsi umani kif ukoll id-dritt umanitarju internazzjonali, il-protezzjoni tal-persuni ċivili u d-drittijiet tal-bniedem. Il-missjoni mhux ser tkun involuta f'operazzjonijiet ta' ġlied.
Grupp bikri wasal f'Bamako fit-8 ta' Frar u ser jibda bil-ħiliet esperti u l-kompiti konsultattivi tiegħu fil-jiem li ġejjin. L-għalliema militari huma skedati li jintbagħtu qabel it-tmiem ta' Marzu.
L-operazzjoni hija parti integrali mill-approċċ komprensiv tal-UE għas-sitwazzjoni f'Mali u s-Saħel. Hija għandha l-għan tgħin biex tittejjeb il-kapaċità militari tal-Forzi Armati ta' Mali sabiex ikunu jistgħu, taħt awtorità ċivili, iġibu lura l-integrità territorjali tal-pajjiż.
It-taħriġ mhux ser jikkonċerna biss tekniki militari, billi r-rispett għad-dirttijiet tal-bniedem ser jingħata wkoll ħafna attenzjoni. Bħala parti mill-impenn wiesa' tagħha, l-UE ser tiffinanzja t-trasferiment ta' osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni ċivili mill-Unjoni Afrikana, l-Ecowas u n-Nazzjonijiet Uniti.
Il-Brigadier Ġenerali François Lecointre minn Franza huwa l-Kmandant tal-missjoni tal-UE għal madwar 500 persunal. L-ispejjeż kondiviżi tal-operazzjoni huma stmati li jilħqu EUR 12.3 miljuni għall-mandat inizjali ta' 15-il xahar. Il-kwartieri ġenerali ser ikunu f'Bamako, filwaqt li t-taħriġ għandu jseħħ f'Koulikoro.
Wara l-adozzjoni mill-Gvern ta' Mali ta' pjan direzzjonali għat-transizzjoni li għandu l-għan iġibu lura d-demokrazija u l-istabbiltà permezz ta' proċess elettorali, l-UE ddeċidiet li tissokta l-kooperazzjoni tagħha tal-iżvilupp ma' Mali. Jistgħu jintużaw EUR 250 miljun, l-iktar biex jerġa jkun hemm demokrazija u paċi permezz tar-rikonċiljazzjoni, il-prevenzjoni ta' kunflitti u l-appoġġ għall-proċess elettorali. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni ser tiffoka fuq is-sigurtà tal-ikel, l-ilma u s-sanità u r-rilanċ tal-ekonomija.
Ara wkoll: