Erasmus għal Kulħadd u l-edukazzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi


© Creatix, Fotolia.com

15/02/2013

Fil-15 ta' Frar 2013, il-Ministri tal-Edukazzjoni tal-UE ddiskutew l-Erasmus għal Kulħadd, il-programm riformat ta' skambju ta' studenti, u l-kontribut tal-edukazzjoni għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir.

L-Erasmus għal Kulħadd hija proposta għal programm integrat fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport għall-2014-2020. Hija tiġbor f'programm uniku l-attivitajiet preċedentement koperti minn għadd ta' programmi separati (inkluż il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, Erasmus Mundus u Żgħażagħ fl-Azzjoni) u jinkludi wkoll attivitajiet f'qasam ġdid ta' kompetenza Ewropea, l-isport.

Il-Kunsill laħaq qbil preliminari dwar it-test fl-2012, bl-eċċezzjoni ta' dispożizzjonijiet dwar il‑finanzjament, sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), il‑prijoritajiet tal-baġit tal-UE għall-2014-2020. Il-Kunsill Ewropew laħaq dak il-qbil fis‑7‑8 ta' Frar.

In-negozjati bejn il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni ser jibdew fid-19 ta' Frar 2013. Peress li hemm elementi sinifikanti komuni bejn il-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, hemm bażijiet raġonevoli għal ottimiżmu li jista' jintalħaq qbil kmieni. Li jinkiseb qbil qabel is-sajf jippermetti lill-Kummissjoni tlesti ħidma preparatorja importanti fil-ħin biex jingħata bidu għall-programm, fl-1 ta' Jannar 2014.
 

L-Edukazzjoni u s-Semestru Ewropew

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013 iniedi ċ-ċiklu ta' sitt xhur ta' koordinazzjoni ta' politika ekonomika fl-UE, is-"Semestru Ewropew". Messaġġ ewlieni tal-Istħarriġ Annwali dwar it‑Tkabbir huwa li l-investiment fil-kapital uman għandu rwol importanti fit-trawwim ta' rkupru mogħni bl-impjiegi.

Madankollu, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir fih ukoll twissija għall-Ministri tal-Edukazzjoni: id-differenzi fil-ħiliet, in-nuqqasijiet u l-inadegwatezza tal-kompetenzi qed iżommu lill-Ewropa lura milli tikseb il-potenzjal sħiħ tagħha fil-ħolqien tal-impjiegi, waqt li mhux qed isir biżżejjed progress fl-adattament tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jirriflettu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Abbażi ta' dokument ta' diskussjoni mill-Presidenza, il-ministri ppreżentaw l-azzjoni li l-pajjiżi tagħhom qed jieħdu fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex itejbu l-livelli tal-ħiliet u l‑impjegabbiltà. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013 jirrakkomanda b'mod speċifiku:

  • aktar investiment fl-edukazzjoni;
  • l-intensifikar tal-isforzi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel;
  • il-faċilitazzjoni tat-transizzjoni mill-iskola għax-xogħol;
  • l-iżvilupp tal-ħiliet intraprenditorjali u tal-impjegabbiltà.

 

Fil-kuntest ukoll tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l‑investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ bħala tweġiba għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Reviżjoni tal-Edukazzjoni".

L-Istati Membri mistiedna b'mod partikolari biex:

  • jiffokaw l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fuq oqsma ta' tkabbir potenzjali jew oqsma b'nuqqasijiet ta' ħiliet;
  • inaqqsu n-numru ta' adulti b'livell baxx ta' ħiliet permezz tal-aċċess għal taħriġ għall-adulti u għal tagħlim tul il-ħajja; u
  • jottimizzaw it-taħriġ appoġġat mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l‑aċċess għal riżorsi edukattivi miftuħa.

 

Aktar informazzjoni: