Eġittu: l-UE tappella biex tintemm il-vjolenza

Fil-laqgħa straordinarja tal-Kunsill fil-21 ta' Awwissu 2013, il-ministri tal-affarijiet barranin tal-UE adottaw konklużjonijiet relatati mal-iżviluppi reċenti fl-Eġittu.

<p>© Mickaël Plichard - Fotolia.com</p>

© Mickaël Plichard - Fotolia.com

Il-Ministri esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-avvenimenti reċenti u kkundannaw bl-aktar mod ċar possibbli l-atti kollha ta' vjolenza. L-UE temmen li l-operazzjonijiet reċenti tal-forzi tas-sigurtà Eġizzjani kienu sproporzjonati u li rriżultaw f'għadd kbir mhux aċċettabbli ta' mwiet u ferimenti. Il-Kunsill ikkundanna wkoll bil-qawwa l-atti ta' terroriżmu, bħall-qtil tal-pulizija fis-Sinaj.

"Nappellaw lill-partijiet kollha biex iwaqqfu ċ-ċiklu ta' vjolenza. Irridu li l-partiti politiċi kollha jimpenjaw ruħhom fi djalogu reali u inklużiv sabiex jistabbilixxu mill-ġdid il-proċess demokratiku. Il-gruppi politiċi m'għandhomx jiġu esklużi, dment li jirrinunzjaw il-vjolenza u jirrispettaw il-prinċipji demokratiċi. Aħna ninsabu lesti li nappoġġaw lill-Eġittu f'dan il-proċess", qalet ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Catherine Ashton.

Filwaqt li jinżammu preżenti l-bżonnijiet tal-poplu Eġizzjan, il-Kunsill iddeċieda li jkompli jipprovdi assistenza finanzjarja fis-settur soċjo-ekonomiku u lis-soċjetà ċivili. Madankollu, l-UE ser issegwi s-sitwazzjoni u timmodifika l-kooperazzjoni tagħha kif meħtieġ, u l-Kunsill staqsa lir-Rappreżentant Għoli tal-UE biex tirrevedi l-kwistjoni tal-assistenza tal-UE lill-Eġittu.

L-Istati Membri qablu wkoll li jissospendu l-liċenzji tal-esportazzjoni lejn l-Eġittu ta' kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna, u li jerġgħu jivvalutaw il-liċenzji tal-esportazzjoni ta' tagħmir kopert mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, u li jirrevedu l-għajnuna ta' sigurtà tagħhom mal-Eġittu.

L-UE tappoġġa lill-poplu Eġizzjan

L-Unjoni Ewropea għandha relazzjoni twila u mill-qrib mal-poplu Eġizzjan u tappoġġah fit-tfittix kontinwu tiegħu għad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u s-sigurtà. Sa mir-rewwixta tal-25 ta' Jannar 2011, l-UE appoġġat b'mod konsistenti t-talba leġittima tal-poplu Eġizzjan għad-drittijiet ċivili, politiċi u soċjo-ekonomiċi tiegħu, u appellat għal transizzjoni paċifika u inklużiva.

Fil-ġimgħat reċenti, l-UE żiedet l-isforzi tagħha biex tippromwovi d-djalogu u soluzzjoni paċifika għall-kriżi Eġizzjana permezz tal-impenn kostanti tagħha mal-partijiet kollha, inkluż matul iż-żjarat l-aktar reċenti mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton u permezz tal-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE Bernardino Leon.

Eġittu - imsieħeb prinċipali

L-Eġittu huwa l-imsieħeb prinċipali tal-UE f'reġjun strateġikament importanti. Ir-relazzjonijiet UE-Eġittu huma marbuta bil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li daħal fis-seħħ fl-2004. Il-kooperazzjoni tiffoka fuq ir-riforma demokratika u soċjali, il-modernizzazzjoni ekonomika, il-kwistjonijiet tal-migrazzjoni u l-kummerċ.

Fil-perijodu finanzjarju 2007-2013, l-UE għamlet disponibbli iżjed minn €1 biljun lill-Eġittu, imma minħabba l-instabbiltà li tinsab għaddejja fil-pajjiż u n-nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet maqbula,  l-ammonti mħallsa fil-programmi li għaddejjin naqsu.

Bl-istess mod, l-awtoritajiet Eġizzjani attwalment ma jistgħux jissodisfaw ħafna kundizzjonijiet relatati mal-€5 biljuni addizzjonali ta' assistenza fuq perijodu twil offruta mill-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji assoċjati (il-BEI u l-BERŻ) f'Novembru 2012.

 

Ara wkoll:

Konklużjonijiet tal-Kunsill

Xandira bl-internet tal-konferenza stampa

Stqarrija għall-istampa

Rimarki mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton

Skeda informattiva dwar ir-relazzjonijiet UE-Eġittu

Dikjarazzjoni konġunta mill-President Van Rompuy u l-President Barroso

POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2008/944/PESK

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva    LE

 

X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?