Ġie ffirmat il-ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi
Richard Bruton, Ministru Irlandiż għall-Impjiegi, l-Intrapriżi
u l-Innovazzjoni u l-President tal-Kunsill, flimkien
mal‑Ministri tal-UE parteċipanti fiċ-ċerimonja ta' ffirmar
© Unjoni Ewropea 2013
19/02/2013
Fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill tal-lum, 24 Stat Membru ffirmaw il-ftehim internazzjonali li jistabbilixxi l-Qorti Unifikata tal-Privattivi (QUP). Ladarba dan il-ftehim jidħol fis-seħħ, il pajjiżi firmatarji ser jiffurmaw żona unifikata fir-rigward tal-liġi dwar il-privattivi.
S'issa, l-istess kawża dwar il-privattivi kellha tinstema' quddiem ħafna qrati fi Stati Membri differenti. Madankollu, is-sejbiet tal-qorti l-ġdida ser ikunu applikabbli u għaldaqstant ser tinkiseb sigurtà legali fit-territorji kollha tal-pajjiżi firmatarji kollha. Barra minn hekk, il-QUP ser tipprevjeni milli jittieħdu deċiżjonijiet kontradittorji u ser tnaqqas l-ispiża tal-litigazzjoni dwar il‑privattivi.
Din il-kwistjoni kumplessa ġiet diskussa għal deċennji sħaħ, u kien jeħtieġ deċiżjoni li tippermetti kooperazzjoni msaħħa sabiex tiġi solvuta. Deċiżjoni bħal din tagħmilha possibbli għal grupp ta' Stati Membri li jadottaw regoli komuni meta ma jkun jista' jintlaħaq ebda qbil mal-UE kollha.
F'żewġ Stati Membri, il-proċeduri interni meħtieġa għall-awtorizzazzjoni tal-iffirmar għadhom pendenti, u Stat Membru ddeċieda li ma jiffirmax. Dawn l-Istati Membri kollha xorta waħda jistgħu jaderixxu għall-ftehim f'data aktar tard.
Il-ftehim ser jidħol fis-seħħ hekk kif jiġi ratifikat minn 13-il Stat Membru.
Il-QUP hija t-tielet element ta' dak li huwa magħruf bħala l-pakkett tal-privattivi. Żewġ regolamenti li jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa għall-protezzjoni tal-privattiva unitarja u l-arranġamenti ta' traduzzjoni tagħha kienu adottati f'Diċembru 2012.
Ara wkoll: