Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Il-Kunsill huwa pilastru deċiżjonali essenzjali għall-Unjoni Ewropea

JL buildingIl-Kunsill jadotta, fil-biċċa l-kbira mal-Parlament Ewropew, atti li jaffettwaw direttament il-ħajja taċ-ċittadini u li għandhom impatt internazzjonali konsiderevoli.

Il-Kunsill huwa l-istituzzjoni tal-Unjoni fejn għandhom is-siġġu tagħhom ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, jiġifieri l-ministri ta' kull Stat Membru kompetenti f'qasam partikolari. Il-kompożizzjoni tal-laqgħat tal-Kunsill u l-frekwenza tagħhom ivarjaw skont is-suġġetti ttrattati. Pereżempju, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin jiltaqgħu madwar darba fix-xahar fil-Kunsill Affarijiet Barranin. Bl-istess mod, il-Ministri tal-Ekonomija u l-Finanzi jiltaqgħu darba fix-xahar waqt il-Kunsill li jittratta l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, magħruf bħala l-Kunsill Ecofin.

Hemm għaxar konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, li jkopru l-linji politiċi kollha tal-Unjoni. Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali, magħmul ġeneralment mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin jew il-Ministri tal-Affarijiet Ewropej, jiżgura l-koerenza tal-ħidmiet tad-diversi konfigurazzjonijiet tal-Kunsill u jħejji l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew.

Il-kompiti tal-Kunsill
  • Jadotta atti leġislattivi (regolamenti, direttivi, eċċ), fil-biċċa l-kbira b' "kodeċiżjoni" mal-Parlament Ewropew;
  • Jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni tal-linji politiċi tal-Istati Membri. Dan hu l-każ, pereżempju, fil-qasam ekonomiku;
  • Jiżviluppa l-politika estera u ta' sigurta komuni, abbażi tal-linji strateġiċi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew;
  • Jikkonkludi, f'isem l-Unjoni, ftehimiet internazzjonali;
  • Jadotta, flimkien mal-Parlament Ewropew, il-baġit tal-Unjoni.

 

Il-Kunsill bħala leġislatur

Il-Kunsill, flimkien mal-Parlament Ewropew, huwa l-leġislatur tal-Unjoni. Fil-maġġoranza tal-każijiet, il-Kunsill ma jistax jilleġisla ħlief fuq il-bażi ta' proposti li tippreżentalu l-Kummissjoni Ewropea. Huwa jista' jitlob lill-Kummissjoni tippreżentalu kwalunkwe proposta li tkun meħtieġa. Mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona, miljun ċittadin ukoll jistgħu, bil-firma tagħhom, jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta. Dan huwa d-dritt ta' inizjattiva taċ-ċittadini.

In-numru ta' voti ta' kull Stat Membri huwa stabbilit mit-Trattati.  It-Trattati jiddefinixxu wkoll il-każijiet fejn jinħtieġu l-maġġoranza sempliċi, il-maġġoranza kwalifikata jew l-unanimità.

Il-Kunsill jiltaqa' fil-pubbliku meta jiddelibera u jivvota fuq proposta ta' att leġislattiv jew waqt li jkun għaddej dibattitu ġenerali. Tista' ssegwi din il-ħidma f'ħin reali fuq is-sit Internet tal-Kunsill (video.consilium.europa.eu) u tara pereżempju kif il-Ministru tiegħek jesprimi l-pożizzjoni ta' pajjiżek. Id-dokumentazzjoni bil-miktub li jkollhom il-Ministri hija wkoll aċċessibbli għal kulħadd.

Min-naħa l-oħra, id-dibattiti fl-oqsma mhux leġislattivi, bħal pereżempju fil-qasam tal-affarijiet barranin, mhumiex pubbliċi. Iżda s-sessjonijiet tal-Kunsill huma dejjem segwiti b'konferenza stampa u b'komunikazzjoni li tispjega d-deċiżjonijiet meħuda. 

Maġġoranza kwalifikata tintlaħaq jekk jiġu sodisfatti dawn iż-żewġ kondizzjonijiet:

  • maġġoranza tal-Istati Membri tagħti l-approvazzjoni tagħha (f'ċerti każijiet maġġoranza ta' żewġ terzi);
  • minimu ta' 255 vot huwa espress favur il-proposta, minn total ta' 345 vot.

 

Barra minn hekk, kull Stat Membru jista' jitlob il-konferma li l-voti favorevoli jirrappreżentaw mill-inqas 62% tal-popolazzjoni totali tal-Unjoni.  Jekk dan il-kriterju ma jiġix irrispettat, id-deċiżjoni ma tiġix adottata.

Tqassim ta' voti għal kull Stat
Ġermanja, Franza, Italja, Renju Unit 29
Spanja, Polonja 27
Rumanija 14
Pajjiżi Baxxi 13
Belġju, Repubblika Ċeka, Greċja, Ungerija, Portugall 12
Awstrija, Bulgarija, Svezja 10
Danimarka, Irlanda, Litwanja, Slovakkja, Finlandja 7
Ċipru, Estonja, Latvja, Lussemburgu, Slovenja 4
Malta 3
TOTAL 345
Wettaq simulazzjoni tal-possibbiltajiet differenti ta' votazzjoni u skopri r-riżultati miksuba bl-għajnuna ta' sistema ta' kalkulazzjoni ta' voti 

 



Il-Presidenza tal-Kunsill 

 

Ordni ta' rotazzjoni tal-Presidenzi
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tal-1 ta' Jannar 2007 li tistabbilixxi l-ordni tal-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill

arrow-single-blueGħal aktar tagħrif

2013-Irish Presidency

Il-Kunsill huwa ppresedut fuq bażi ta' rotazzjoni mis-27 Stat Membru tal-Unjoni, għal perijodu ta' sitt xhur kull wieħed. Matul dawn is-sitt xhur, il-Presidenza tmexxi l-laqgħat fil-livelli kollha, tipproponi d-direzzjonijiet u tfassal il-kompromessi meħtieġa biex jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-Kunsill.

Biex jiżguraw il-kontinwità tal-ħidma tal-Kunsill, il-presidenzi ta' kull sitt xhur jikkooperaw mill-qrib fi gruppi ta' tlieta. It-"trio" tal-presidenzi jfassal programm konġunt tal-attivitajiet tal-Kunsill għal perijodu ta' 18-il xahar.

Konfigurazzjoni waħda biss tal-Kunsill mhijiex ippreseduta mill-presidenza ta' sitt xhur: il-Kunsill Affarijiet Barranin li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, huwa ppresedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Mill-1 ta' Diċembru 2009 s-Sinjura Catherine Ashton qed tokkupa din il-kariga. Madwar għoxrin grupp ta' ħidma fil-qasam tal-affarijiet barranin huma ppreseduti wkoll minn president fiss, maħtur mir-Rappreżentant Għoli.