Konfigurazzjonijiet tal-Kunsill
Kull Stat Membri jipparteċipa fit-tħejjija tal-ħidma tal-Kunsill u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu
Il-Kunsill huwa magħmul mill-Ministri tal-Istati Membri. Huwa jiltaqa' f'għaxar konfigurazzjonijiet differenti li jiddependu mis-suġġetti li jkunu qed jiġu diskussi. Pereżempju, il-konfigurazzjoni "Affarijiet Barranin" hija magħmula mill-Ministri tal-affarijiet barranin, il-konfigurazzjoni "Ġustizzja u Affarijiet Interni" mill-Ministri tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, eċċ.
Il-ħidma kollha tal-Kunsill hija mħejjija jew hija kkoordinata mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (COREPER), magħmul mir-rappreżentanti permanenti tal-Istati Membri li jaħdmu fi Brussell u l-assistenti tagħhom. Il-ħidma ta' dan il-Kumitat hija mħejjija minn aktar minn 150 kumitat u grupp ta' ħidma li jikkonsistu minn delegati mill-Istati Membri.
Fost dawn, ċerti kumitati għandhom rwol speċifiku li jipprovdu koordinazzjoni u kompetenza esperta f'qasam partikolari, bħal, pereżempju, il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (responsabbli mill-monitoraġġ tas-sitwazzjoni internazzjonali fl-oqsma tal-politika barranija u s-sigurtà komuni u li jipprovdi, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, superviżjoni politika u direzzjoni strateġika fl-operazzjonijiet tal-maniġġar ta' kriżijiet) u l-Kumitat ta' Koordinament, responsabbli mit-tħejjija tal-ħidma fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali.