Żjarat ta' Informazzjoni fil-Kunsill

 

Huwa possibli li jiġu organizzati żjarat ta' informazzjoni fil-Kunsill għal kwalunkwe grupp organizzat ta' 15-il persuna jew aktar 'il fuq mill-età ta' 15-il sena. Iż-żjarat normalment idumu siegħa jew sagħtejn u jikkonsistu minn taħdita mogħtija minn uffiċjal tal-Kunsill li tkun segwita minn sessjoni ta' mistoqsijiet u tweġibiet. Skont il-grupp, it-taħdita tista' tkun jew introduzzjoni ġenerali dwar il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill jew preżentazzjoni dwar suġġett aktar speċifiku. Fuq talba, norganizzaw ukoll seminars. Iż-żjarat jistgħu jkunu organizzati fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea. Minħabba raġunijiet ta' sigurtà ma jistgħux jiġu organizzati żjarat fil-bini tal-Kunsill. Minħabba n-numru kbir ta' talbiet, iż-żjarat għandhom ikunu riservati tal-inqas minn xahrejn qabel.

 


JL building

Ħinijiet: Iż-żjarat jistgħu jkunu organizzati fil-biċċa l-kbira tal-ġranet tax-xogħol u huma normalment skedati li jibdew bejn id-9 u l-11 ta' filgħodu jew bejn is-1.30 u l-4 ta' waranofsinhar.

Daqs tal-grupp: Tal-inqas 15-il parteċipant.

Gruppi ta' Studenti: Ir-riservazzjonijiet għal gruppi ta' studenti għandhom isiru f'isem rappreżentant tal-istabbiliment ta' edukazzjoni/taħriġ jew korp ta' studenti. Ir-rappreżentant għandu wkoll jakkumpanja l-grupp matul iż-żjara.

Gruppi tal-iskola: Għalkemm il-laqgħat ta' informazzjoni huma adatti l-aktar għall-adulti, naċċettaw gruppi tal-iskola bi studenti li għandhom 15-il sena jew aktar. Ir-riservazzjonijiet għandhom isiru f'isem l-iskola, u l-grupp għandu jkun akkumpanjat minn tal-inqas persuna adulta għal kull għaxar studenti.

Aċċessibbiltà: Il-bini tal-Kunsill huwa aċċessibbli għal utenti ta' siġġijiet bir-roti.

Kif issibna: Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Rue de la Loi 175, B-1048 Brussell. Ikklikkja hawnhekk biex tara l-mappa.  

Trasport: Il-kowċis bil-viżitaturi jistgħu jipparkjaw quddiem id-dħul prinċipali biex iniżżlu/jgħabbu l-passiġġieri tagħhom. L-istazzjon tal-ferrovija u dak tal-metro ta' Schuman u l-waqfa tax-xarabank, jinsabu fil-qrib ħafna.

Riservazzjonijiet:  

■ B'fax lis-Servizz taż-Żjarat fuq +32 (0)2 281 6609. Għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni li ġejja:

  • L-informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tagħkom (isem, indirizz, persuna ta' kuntatt, numru tat-telefon, indirizz elettroniku eċċ.);
  • Żewġ possibbiltajiet ta' dati għaż-żjara tagħkom;
  • In-numru u l-età tal-parteċipanti (età minima 15-il sena);
  • Talbiet speċjali possibbli rigward it-taħdita skont l-interessi tal-grupp tagħkom u l-għarfien dwar l-Unjoni Ewropea.


Jew billi timla' l-formula elettronika għal talba għal żjara.

It-talba għandha ssir mill-kap tal-grupp. Iż-żjarat għandhom normalment jiġu ppjanati tal-inqas minn xahrejn qabel. Ladarba nirċievu t-talba tiegħek, aħna nikkuntattjawk biex nikkonfermaw iż-żjara tiegħek u, jekk meħtieġ, għal aktar dettalji rigward it-talba tiegħek. Ma nistgħux naċċettaw riservazzjonijiet bit-telefon iżda ninsabu għad-dispożizzjoni tiegħek biex inwieġbu l-mistoqsijiet tiegħek u biex nassistuk fl-ippjanar taż-żjara tiegħek fuq in-numru +32 (0)2 281 2140. Jekk jogħġbok ħu nota li l-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ċentru konġunt ta' informazzjoni u ta' dokumentazzjoni, Europe Info Europa, li jinsab ħdejn il-kwartieri ġenerali tal-Kunsill f'Rue Archimède 1, 1000 Brussell. Iċ-ċentru, li hu miftuħ fost il-ġimgħa (mit-Tnejn sal-Ħamis, mid-9 ta' filgħodu sal-5 ta' waranofsinhar, u l-Ġimgħa, mid-9 ta' filgħodu sal-4 ta' waranofsinhar), għandu uffiċċju tal-informazzjoni u joffri pubblikazzjonijiet mingħajr ħlas.

Dikjarazzjoni dwar il-privatezza:

It-talba tiegħek ser tiġi ttrattata minn DG F, Komunikazzjoni - Servizz taż-Żjarat f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (Ġurnal Uffiċjali L 8 tat-12.1.2001, p. 1). Id-data personali fl-email tiegħek ser tintuża biss mis-Servizz taż-Żjarat għall-fini li tiġi ttrattata t-talba tiegħek biss. Għal finijiet ta' statistika, l-ittra tiegħek tibqa' fl-arkiviji tas-servizz għal massimu ta' ħames snin, imbagħad tinqered. Għandek id-dritt ta' aċċess u retifika tad-data li tikkonċernak billi tikkuntattja lis-Servizz taż-Żjarat (Kap tas-Servizz: is-Sur Gérard Déjoué, tel.: +32 (0)2 281 4810) u d-dritt li tagħmel rikors lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.