PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI FIL-KUNSILL

Fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, il-Kunsill jirrispetta r-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data personali.

Huwa r-Regolament (KE) Nru 45/2001 li jiddetermina l-prinċipji u l-obbligi li jridu jkunu rrispettati mill-istituzzjonijiet Ewropej meta dawn jipproċessaw id-data personali.

Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw id-dipartimenti kollha fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li jużaw informazzjoni li tidentifika lill-individwi. Fil-prattika, il-parti l-kbira tad-data personali pproċessata mill-Kunsill tikkonċerna l-persunal tiegħu, waqt li minoranza ta' operazzjonijiet ta' pproċessar huma rigward il-missjonijiet tal-istituzzjoni. Għalhekk, ammont żgħir biss ta' data personali jinġabar mid-delegati tal-Istati Membri jew ta' pajjiżi terzi, u minn ġurnalisti. Il-Kunsill jimmaniġġa wkoll id-data taċ-ċittadini Ewropej jekk dawn jindirizzaw talba speċifika lill-istituzzjoni.

Skont it-termini tar-Regolament, kull istituzzjoni taħtar Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data (UPD). Ir-rwol tal-UPD hu li jiżgura l-applikazzjoni korretta tar-Regolament fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu. Huwa responsabbli wkoll biex iżomm Reġistru tal-operazzjonijiet ta' pproċessar imwettqa mill-istituzzjoni tiegħu.

Dan is-sit web jinżamm aġġornat mill-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data tal-Kunsill. Huwa jagħmel ir-Reġistru disponibbli għall-pubbliku u jipprovdi tagħrif dwar il-protezzjoni tad-data. Huwa jagħmilha wkoll possibbli li s-suġġetti tad-data jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.