FAQ (Mistoqsijiet komuni)

Niżżel il-fuljett    

X'inhu l-ipproċessar tad-data personali?

Ipproċessar ta' data personali tfisser kull operazzjoni jew sett ta' operazzjonijiet, kemm jekk awtomatizzati jew le, li jitwettqu fuq id-data personali, bħalma huma l-ġbir, il-ħżin, il-konsultazzjoni, l-użu, it-trasmissjoni jew il-qerda.

X'inhi d-data personali?

Data personali hija kwalunkwe informazzjoni marbuta ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli.Persuna identifikabbli hija waħda li tista' tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b'mod partikolari b'referenza għal numru ta' identifikazzjoni jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tagħha.

Min huma l-kontrollur tad-data u s-suġġett tad-data?

Il-kontrollur tad-data huwa l-istituzzjoni jew korp tal-Komunità, id-Direttorat Ġenerali, l-unità jew kull entità organizzattiva oħra li waħidha jew flimkien ma' oħrajn tiddetermina l-għanijiet u l-mezzi ta' l-ipproċessar tad-data personali.Is-suġġett tad-data huwa l-persuna fiżika li d-data personali tagħha tiġi pproċessata mill-kontrollur tad-data.


Għaliex huma importanti l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data?

Il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data jiddeterminaw ir-regoli bażiċi li kull kontrollur għandu josserva u jimplimenta fil-prattika meta jipproċessa d-data personali.Skond dawn il-prinċipji, id-data personali għandha tkun:

  • ipproċessata ġustament u legalment;
  • ipproċessata għal għanijiet limitati u espliċiti;
  • adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva;
  • preċiża;
  • miżmuma għal mhux aktar milli meħtieġ;
  • ipproċessata skond id-drittijiet tas-suġġett tad-data;
  • ipproċessata b'mod sikur;
  • mhux ittrasferita lil partijiet terzi mingħajr prekawzjonijiet adegwati.

Min huma l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Uffiċjali għall-Protezzjoni tad-Data?

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) huwa l-awtorità superviżorja fil-livell Ewropew responsabbli biex tiżgura li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta' persuni fiżiċi, u b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-privatezza jiġu rispettati mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji.Huwa jinħatar għal mandat ta' ħames snin mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi ta' lista mfassla mill-Kummissjoni.

Sit web tal-KEPD:www.edps.europa.eu

Barra minn dan, kull istituzzjoni jew korp għandu jaħtar Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data (UPD) wieħed jew aktar.Il-kompitu ta' l-UPD hu li jiżgura b'manjiera indipendenti l-applikazzjoni interna tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament u biex jagħti pariri lill-kontrolluri fit-twettiq ta' l-obbligi tagħhom, u b'hekk jiżgura li l-operazzjonijiet ta' pproċessar ma jolqtux ħażin id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data.L-Uffiċjali għall-Protezzjoni tad-Data jwieġbu wkoll għal talbiet mingħand, u jikkooperaw ma', il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.Il-lista ta' Uffiċjali għall-Protezzjoni tad-Data maħturin tista' tinstab fis-sit web tal-KEPD.

X'inhi notifika?

Notifika hija l-avviż minn qabel mogħti mill-kontrollur lill-UPD ta' l-istituzzjoni tiegħu dwar kull operazzjoni ta' pproċessar (manwali jew elettronika) li tinvolvi data personali, li javża dwar l-eżistenza ta' l-operazzjoni ta' pproċessar u l-karatteristiċi ewlenin tagħha.


X'inhu r-Reġistru ta' operazzjonijiet ta' pproċessar?

Kull UPD – u għalhekk kull istituzzjoni – iżomm Reġistru pubbliku ta' l-operazzjonijiet ta' pproċessar imwettqin minn dik l-istituzzjoni.Dan huwa obbligu legali skond l-Artikolu 26 tar-Regolament.Ir-Reġistru hu bbażat fuq in-notifiki ppreżentati lill-UPD.Fl-ispirtu tat-trasparenza r-Reġistru ta' l-UPD tal-Kunsill huwa disponibbli online.

Kif inkun naf jekk il-Kunsill hux qed jipproċessa d-data personali tiegħi?

Jekk int taħdem għall-Kunsill, huwa ċert li l-istituzzjoni qed timmaniġġa d-data personali tiegħek kif meħtieġ għall-ġestjoni tal-persunal u l-ħidma ta' kuljum tiegħek.Jekk m'intix membru tal-persunal tal-Kunsill iżda żżomm kuntatti ma' l-istituzzjoni, xi ftit mid-data personali tiegħek marbuta ma' dawk il-kuntatti tista' tiġi pproċessata mill-Kunsill.F'termini prattiċi, il-funzjoni tat-tiftix tar-Reġistru tal-Kunsill ibbażata fuq kategoriji ta' suġġett tad-data tgħinek tidentifika l-operazzjonijiet ta' pproċessar proprji li jistgħu jikkonċernawk.

Lil min għandi nikkuntattja għal tagħrif dwar operazzjoni ta' pproċessar partikolari?

Il-kontrollur għandu l-aħjar għarfien taċ-ċirkostanzi ta' operazzjonijiet ta' pproċessar imwettqin taħt l-awtorità tiegħu.Għalhekk hu rrakkomandat li l-ewwel tikkuntattja lill-kontrollur ta' l-operazzjoni ta' pproċessar konċernat, li għandu jipprovdilek it-tagħrif meħtieġ u li huwa obbligat jiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.Tista' wkoll titlob l-għajnuna ta' l-UPD u tistaqsih biex jinvestiga kwistjonijiet jew okkorrenzi direttament marbutin mal-kompiti tiegħu jew tagħha (ara wkoll "Leġislazzjoni").

Kif nidentifika l-kontrollur tad-data?

Il-kontrolluri tad-data huma normalment il-kapijiet ta' l-entità amministrattiva li twettaq l-operazzjoni ta' pproċessar.L-eħfef mod kif jistgħu jiġu identifikati huwa fuq il-bażi tar-Reġistru, li fih l-identità u d-dettalji kif tikkuntattja lill-kontrollur għal kull operazzjoni ta' pproċessar.Jekk tinqala' xi diffikultà, l-UPD jista' wkoll iqabbdek mal-kontrollur konċernat jew jikseb it-tagħrif meħtieġ.

X'inhuma d-drittijiet tiegħi bħala suġġett tad-data?

L-ewwel u qabel kollox, is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt ikunu mgħarrfin bl-eżistenza ta' operazzjoni ta' pproċessar li tikkonċernahom, u l-karatteristiċi ewlenin tagħha.Is-suġġetti tad-data għandhom ukoll id-dritt li jiksbu komunikazzjoni tad-data li qed tiġi pproċessata u li jiksbu mingħand il-kontrollur rettifika mingħajr dewmien ta' kwalunkwe data personali li ma tkunx preċiża jew sħiħa.


F'ċerti ċirkostanzi, is-suġġetti tad-data jistgħu wkoll jistaqsu lill-kontrollur għall-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet aktar speċifiċi, bħall-imblukkar jew it-tħassir tad-data.

It-Taqsima 5 tar-regoli implimentattivi tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tad-data tiddetermina l-proċedura li trid tiġi segwita għall-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet.It-talbiet jistgħu jitressqu bl-użu ta' formola magħmula disponibbli mill-UPD.Biex tikseb il-formula meħtieġa, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-uffiċċju ta' l-UPD u indika b'liema lingwa tippreferiha.

Indipendentement minn dan, tista' tippreżenta lment fi kwalunkwe ħin mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.Għal aktar tagħrif tista' tidħol fis-sit web tal-KEPD:www.edps.europa.eu